Fil-15 ta' Lulju 1951, is-Soċjetà Mużikali Peace Naxxar ġiet uffiċjalment ikkonsagrata lill-Qalb Imqaddsa ta' Ġesù u Marija f'waħda mill-aktar ċelebrazzjonijiet reliġjużi sinifikanti fl-istorja tas-Soċjetà?
Din il-ġrajja storika kienet frott ta' deċiżjoni meħuda waqt seduta ġenerali li saret nhar il-Ħamis, 3 ta' Mejju 1951, meta l-President il-ġdid ta' dak iż-żmien, in-Nutar Joseph Spiteri, ħabbar il-ħsieb tal-kumitat li jorganizza ċelebrazzjoni reliġjuża solenni li matulha l-każin jiġi kkonsagrat lill-Qalb Imqaddsa ta' Ġesù u Marija.
Għall-organizzazzjoni ta' din l-okkażjoni twaqqaf kumitat immexxi mid-Direttur Spiritwali Dun Alwiġ Camilleri, flimkien ma' J. Zerafa, C. Tanti u S. Gauci. Il-programm kien mifrux fuq ġimgħa sħiħa ta' attivitajiet reliġjużi, bil-preżenza mistennija ta' Monsinjur Arċisqof Mikiel Gonzi.
Sabiex il-każin ikun adattat għaċ-ċelebrazzjonijiet, il-bitħa l-kbira ġiet msaqqfa temporanjament u mżejna b'damask aħmar, u nbidlet f'kappella proviżorja. Ġie armat ukoll artal apposta għal din l-okkażjoni, filwaqt li kemm il-faċċata tal-każin kif ukoll il-pjazza tan-Naxxar ġew imżejna b'mod festiv.
Bejn id-9 u l-14 ta' Lulju sar programm spiritwali intensiv li kien jinkludi r-Rużarju, taħditiet reliġjużi, it-Tridu, prietki, kant Ewkaristiku u ċ-ċelebrazzjoni tas-Sagrament tal-Qrar. Lejlet il-festa, l-Arċipriet Kanonku Emmanuel Micallef bierek il-kappella proviżorja u l-artal portabbli li kien inxtara apposta għal din il-ġrajja.
Il-qofol wasal nhar il-Ħadd, 15 ta' Lulju 1951, meta Monsinjur Arċisqof Mikiel Gonzi wasal fil-każin u ntlaqa' mill-President, in-Nutar Joseph Spiteri. Iċ-ċelebrazzjoni bdiet b'Quddiesa Solenni bil-kant u l-mużika, ippreseduta mill-Arċisqof flimkien ma' diversi qassisin mistiedna. Fi tmiem il-Quddiesa saret iċ-ċerimonja uffiċjali tal-konsagrazzjoni tas-Soċjetà Mużikali Peace Naxxar lill-Qalb Imqaddsa ta' Ġesù u Marija, segwita minn riċeviment li matulu l-Arċisqof ingħata tifkira f'isem is-soċjetà.
Matul iċ-ċerimonja ta' filgħodu, il-Banda Peace daqqet l-Innu Pontifiċju fid-dħul u l-ħruġ tal-Arċisqof mill-każin. Aktar tard filgħaxija, il-festi komplew b'marċ brijuż fit-toroq ewlenin tan-Naxxar u programm mużikali fil-pjazza, li attira folla kbira ta' residenti u dilettanti.
Ta' min jinnota li din iċ-ċelebrazzjoni kollha kienet possibbli grazzi għall-ġenerożità tas-soċji tal-każin. Fil-fatt, kien ġie deċiż f'seduta ġenerali li kull soċju jikkontribwixxi s-somma ta' żewġ liri sabiex jiġu koperti l-ispejjeż kollha tal-organizzazzjoni.
Illum, 75 sena wara, din il-konsagrazzjoni tibqa' xhieda tal-fidi, l-għaqda u d-dedikazzjoni li dejjem ikkaratterizzaw lis-Soċjetà Mużikali Peace Naxxar, u tibqa' kapitlu importanti fil-wirt reliġjuż u storiku tagħha.
Ħajr lill-Anthony Deguara tal-informazzjoni.