L-Storja tas-Soċjeta Mużikali Peace

Mat-twaqqif tal-purċisjoni tal-Ġimgħa l-Kbira fin-Naxxar fil-1749, dejjem kien jissemma l-element ta’ mużiċisti li ħadu sehem fil-purċisjonijiet tal-Ġimgħa Mqaddsa. Iżda l-ewwel li sibna li għandu x’jaqsam mal-Banda kien propju fis-sena 1861/62, fejn insibu li kien hemm ħlasijiet "per la banda Musicale". Dan insibuħ miktub minn l-Avukat Ignazio Micallef, li kiteb it-tifkiriet ta’ żmienu. Għaldaqstant id-data 1862 dejjem kienet mizmuma bħala d-data tat-twaqqif tal-Banda, kif ukoll jidher mill-arma u l-istandart antik li sar qrib l-aħħar tas-seklu dsatax.
Sal-1892 il-Banda kellha l-isem ta’ "Melita", bl-ewwel President lill-Markiz Vincenzo Bugeja u Surmast Direttur kien Mro. C. Mosaca, dan żamm id-direzzjoni tal-Banda għal 10 snin.
Markiz Vincenzo
                    Bugeja Markiz Vincenzo
                    Bugeja
Fl-1 ta’ Mejju 1892, xi bandisti Naxxarin ingħaqdu mal-Banda antika Melita biex fid-9 ta’ Mejju 1892 iffurmaw il-Banda bl-isem "La Pace". L-Ewwel Surmast Naxxari kien is-Surmast Vittorio Scerri li ha t-tmexxija tal-Banda bejn 1902 u 1904 reġgħa mexxa l-Banda mill- 1914 sal 1917. Insibu li 1908 il-Banda kellha l-uniformi tagħha.
Scerri
Fil-kitbiet tal-Avukat Micallef insibu li f’dawk iz-zminijiet, 1890, kienu jiltaqgħu fil-kazin ta’ l-Artisti li kien f’numru 42B, Strada S. Luċija u ftehmu biex juzaw il-kazin bħala skola tal-banda tażt l-isem "Soċjeta’ Filarmonika La Pace".
Fit-3 ta’ Frar 1917, il-Banda kellha Kazin ġdid, dak fejn qegħda’ fih sal-lum, jiġifieri "Palazzo Vittoria" fil-Pjazza Vittorja. Kien is-Sibt 13 t’Ottubru 1962 meta l-istess post sar propjeta tas-Soċjeta fejn b’Atti tan-Nutar Francis Micallef inxtara l-"Palazzo Vittoria".
Propju fl-1949, il-Banda kienet tant kibret li ma setgħetx toqgħod fuq il-plancier li kien sar fl-1895, hekk magħruf tal-arkati. Minn dak inhar beda ix-xogħol fuq il-Planċier l-ġdid. Fis-6 ta’ Settembru 1954 kienet maqtuha dik ix-xewqa u l-Banda daqqet fuq il-planċier wara li ġie imbierek mil-Isqof Mons. E. Galea fil-preżenza tal- Ministru ta’ l-Edukazzjoni Onor. J. Frendo Azzopardi. Fis-Sena 1995 saret l-iskultura fuq l-istess planċier.
Tul iz-zminijiet il-Banda kellha diversi zjarat kif ukoll daqqet f’bosta postijiet fejn anke ħarġet barra minn xtutna u propju f’Lulju tal-1957 marret Għawdex għal festa ta’ San Ġorġ, li għalkemm huma gzejjer Maltin kienet biċċa xogħol kbira għal dawk iz-zminijiet. Kellha parteċipazjoni fil-Karnival ta’ Malta u konkorsi, kompetizjonijiet f’disjijn ta’ toroq u faċċata tal-kazin fi zmien il-Milied, fejn rebħet diversi unuri. Insibu li fl-11 ta’ Novembru 1994 l-Banda kienet mistiedna il-hemm minn xtutna u marret l-Egittu fl-okkazjoni tal-125 sena mill-ftuħ tal-Kanal tas-Swejz. Hija ġiet milqugħa mill-Ambaxxatur Malti u daqqet tlett darbiet, fil-Kajr, Lixandra u Port Said. Hawn ġejna apprezzati u l-Banda qalet diversi rigali għal eżepiżjoni li tgħat bil-Bandisti zgħazagħ tagħha. F’inqas minn sena wara, 14 ta’ Settembru 1994, inqas minn ġimgħa wara l-festa tal-parroċċa, reġħet ħalliet xtutna biex tmur il-Kanada, fejn ħadet sehem fil-Festi ta’ Marija Bambina ġewwa Toronto. Is-Sena ta’ wara, u nerġgħu f’Settembru, il-Banda kienet mistiedna biex tmur tagħti kunċerti fi Sqallija, fill-villaġġ ta’ Balastrate u fl-Amfiteatru ta’ Citta del Mare.
Mill-bidu tagħha, il-Banda, minbarra l-festa tal-Bambina fin-Naxxar, f’dawk iz-zminijiet, ħadet sehem ukoll fil-purċisjoni tad-Duluri li kienet issir f’Marzu. Fost il-ħafna kunċerti u marċi li esekwiet il-Banda tul iz-zminijiet insibu, f’Settembru 1885 daqqet fl-ewwel festa ta’ tifkira tal-Assedju l-Kbir, kienet mistiedna biex tagħmel marċ fi Triq Reale fil-Belt kapitali Valletta. Il-Kunċert kbir tal-11 ta’ Mejju 1892 meta l-Banda bidlet isimha għal dak "La Pace". Tlett snin wara daqqet program sabiħ fuq il-planċier ġdid fil-festa tal-Patruna u fill-1896 daqqet ukoll meta inġiebet l-istatwa ta’Malta biex tintrama fil-jiem tal-festa. Din kienet tħalset mill-President ta’ dak iz-zmien. Fil-1897, fil-ġublew tad-djamanti tas-Reġina Vittorja, il-Banda daqqet ma' baned oħra matul Strada Reale, dak inhar ġiet mogħtija standard ta’ tifkira minn mart l-ammiral, is-sinjur Rodney. Għal ewwel darba, ndaqqu zewġ innijiet ta' Marija Bambina miktubin mill pinna tas-Surmast tas-Soċjeta Ferdinando Camilleri, dawn huma “O Tfajla Mmakulata” u “Ngħannulek bil-ħlewwa”, mill- 1919 sal-lum dawn għadhom jindaqqu biss waqt il-purċisjoni tat-titular tan-Naxxar. Wara l-gwerra, fin-1945 reġet ħadet sehem b’marċ tar-Rebħa fil-belt, 1950 il-Banda laqgħet lil-Gvernatur Sir Gerald Creasy flimkien mas-Sinjura tiegħu waqt zjara li kien għamel fin-Naxxar, fosthom zar il-kazin, id-dar tal-kappillan u l-knisja. Fil-15 ta’ Lulju 1951, il-kazin ġie kkonsagrat lill-Qalb ta’ Gesu u dik ta’ Marija mill-Arċisqof Mikiel Gonzi u saru festi tal-okkazjoni. Fl-istess sena nxtara l-artal li dan jista’ jingħalaq bil-bibien għal kappella minn għand Dun Guzepp Camilleri. F’Gunju tal-1960 il-Banda daqqet fin-Naxxar fl-okkazjoni taz-zjara ta’ Mons Perren, li wkoll ħallienna tifkira tiegħu fil-kazin, meta saru l-festi ta' ċċentinarji Pawlini u ttellgħa programm fl-inħawwi ta’San Pawl tat-Tarġa. F’Egħluq il-mitt sena mit-twaqqif tal-Banda saru festi tal-okkazzjoni fejn anke indaqq għal-ewwel darba l-Innu “La Pace” tas-Surmast bravu Jos. Fenech. Waqt zjara tar-Reġina Elizabetta II f’Gunju tal-1967. Fl-1987 saru diversi attivitajiet fiċ-celebrazzjonijiet tal-125 mit-twaqqif tal-Banda.
Waqt zjara tal-Papa Gwanni Pawlu II li kien għamel fil-gzejjer Maltin, hu kien għadda minn Naxxar u propju minn quddiem il-Kazin fejn il-Banda laqagħtu b-innijiet għal l-okkazjoni. Il-Banda ħadet sehem fil-Konkors Bandistiku nazzjonali tal-1993 fejn rebħet it-tielet post u kienet komposta b’numru kbir ta’ bandisti tal-post. Fl-10 ta’ Diċembru 2004, għamlet program muzikali ad unur in-Nutar Jos. Spiteri f’għeluq il-50 sena president tas-Soċjeta, din is-serata saret f’Palazzo Parisio. Is-Sena 2002 inkitbet paġna oħra fejn ġie ċċelebrat il-140 sena tal-Banda li barra li ħadna sehem fi programm ma l-tlett Baned l-oħra li jġibu wkoll l-istess dati bħal tagħna, tellajna wkoll program waħedna.
Is-Soċjeta hija mmexxija fuq linji moderni bi statut aġġornat u ġie approvat f’Seduta ġenerali tal-20 ta’ Ġunju 2004, fejn għandek il-Kumitat ċentrali jkoll it-tlett karigi prinċipali, dik tal-President, tas-Segretarju u tal-Kaxxier, jiġu eletti direttament b’elezzjoni individwali, tlett membri oħra jkunu d-Diretturi tas-Sezzjonijiet u sitt membri eletti b’votazzjoni. Għalhekk insibu Sotto kumitati Banda, Żgħażagħ u Nisa. Għal xi zmien kienu jeziztu ukoll kummisjonijiet tal-Armar, Sports u attivitajiet Soċjali.
Matul is-sena 2005/06, komplew il-proġetti fosthom il-bini tas-Sala l-kbira u anke tlesta x-xogħol fis-Sala Marija Bambina li ġiet inawgurata nhar l-1 ta’ Settembru 2006 mill-E.T. Onor. President ta’ Malta Dott. Edward Fenech Adami u mbierka mill-Kan. Arċipriet Dun Evan Caruana. Beda xogħol fuq il-faċċata prinċipali dik li tagħti fil-pjazza Vitorja, fejn tpoġġa l-ħadid tad-dawra flok dak tal-konkrit li kien fi stat ħazin u perikoluż.
Issa kien jinħas il-bzonn li l-faċċata prinċipali tiġi restawrata, u l-progett prinċipali għas-sena 2008 kellu jkun propju dan ix-xoghol. Wara riċerka kif seta jsir ix-xoghol skont is-sena, taħt il-gwida tal-Perit Mark Borg sar ir-restawr tal-faċċata.
Fl-istess zmien li kien għaddej ix-xogħol fuq il-faċċata. F’Mejju tal-istess sena, kienet saret tfiċċija mill-pulizija fil-kazin minn fejn kienu elevaw xi materjal illegali li kien f’moħba fil-kantina tas-Soċjeta. Propju nhar it-3 ta’ Mejju 2008 l-Kazin kien ġie ordnat mil-magistrat Miriam Hejman biex jinzamm magħluq sa kemm isiru aktar stħarriġ. Fuq l-istess kas, il-kumitat kollu ta’ dak iż-żmien kien ġie imħarrek u mressaq il-qorti fuq akkuzi b’konnesjoni ma dak il-materjal perikoluż li nstab fil-kazin.
Nhar is-27 ta’ Marzu 2009, il-Qorti tgħat permess biex jerġa jinfetaħ il-kazin, iżda l-pulizija irrifjutat li s-Segretarju jkun wieħed minn dawk li għaddejjin bil-kas fil-Qorti. Għalhekk, skond kif jitlob l-istatut tal-istess Soċjeta, inħatar segretarju s-Sur Walter Amato li kien ikkontesta għal kariga u fl-istess ħin ma kienx wieħed mill-membri tal-kumitat fi zmien li saru l-arresti tal-membri kollha.
Matul l-perjodu li l-kazin kien magħluq, il-kumitat ħadem biex l-attivijajiet u l-impenji tal-banda jibqgħu għaddejjin. Kien jiltaqa regolarment f’postijiet privati u anke tellgħa diversi attivitajiet għal membri. Izda bil-propjeta magħluqa ftit li xejn seta jsir biex tinzamm il-manutenzjoni tal-bini, u hekk kif reġa’ fetaħ il-Kazin wieħed seta’ jevalwa kemm kienet saret ħsara. Fosthom insibu diversi ħitan speċjalment fejn daħal l-ilma kellhom konsenturi kbar, xi soqfa faqqat ix-xibka, l-arblu prinċipali kien spiċċa għal kollox, diversi ħsarat fuq makkinarju tal-eletriku u ħwejjeġ oħra.
Għalhekk il-kumitat kien ħaseb li l-aħjar mod biex nerġgħu nibdew il-ħajja bil-Kazin miftuħ kien li jsiru xi regolarmenti ġodda kif ukoll ngħatu dehra ġdida lil kazin. Propju nhar it-2 ta’ Mejju 2009, il-bibien tas-Soċjeta reġgħu fetħu għal pubbliku.
Jekk tixtiequ ssaqsu xi mistoqsijiet rigward l-istorja tas-soċjeta, tistaw tibgħatu email fuq: info@bandapeacenaxxar.com.

Aħbarijiet Riċenti


Kalendarju tax-Xahar

  • March 2017
    SunMonTueWedThuFriSat
    2627281234
    567891011
    12131415161718
    19202122232425
    2627282930311
    2345678

Mill-Arkivji

Ħajr lil