Wara l-istqarrija li ħarġet il-Banda Vittorja, is-Soċjetà Mużikali Peace tixtieq tagħmel ċerti punti ċari b’mod serju u responsabbli.
L-ewwel nett, huwa importanti li jiġi mfakkar li s-servizzi tal-festa u din il-materja hija regolata b’kuntratt legali validu bejn iż-żewġ soċjetajiet, filwaqt li d-diskussjonijiet dwar il-festa ta’ din is-sena ilhom għaddejjin tul l-aħħar sena. Minkejja dan, il-komunikazzjoni tal-lum hija t-tielet deċiżjoni differenti li ttieħdet mill-Kurja fuq l-istess suġġett f’perjodu relattivament qasir.
Min-naħa tagħna, dejjem aġixxejna b’kawtela, prudenza u rispett lejn kull komunikazzjoni mill-Kurja. Proprju għalhekk, sa llum, ma ħriġna l-ebda stqarrija pubblika dwar id-deċiżjonijiet preċedenti, bil-għan li nħallu spazju għal diskussjoni serena u responsabbli, fl-aħjar interess tal-festa u tal-komunità Naxxarija.
Jiddispjaċina li, filwaqt li d-diskussjonijiet kienu għadhom għaddejjin, intgħażlet it-triq pubblika minn min, fil-fehma tagħna, qed jinjora jew jikkontesta b’mod ċar dak li hu stabbilit fil-kuntratt iffirmat bejn iż-żewġ naħat is-sena li għaddiet.
Min-naħa tas-Soċjetà Mużikali Peace, sar kull sforz possibbli biex dan iċ-ċentinarju jiġi ċċelebrat bl-aħjar mod possibbli b’diversi proposti. Fil-fatt, fis-Seduta Ġenerali tat-22 ta’ Marzu li għadda, tressqet mozzjoni fuq dan is-suġġett u nkiseb qbil mill-membri sabiex, għal din is-sena biss, jiġi aċċettat li l-ħruġ min-Niċċa jsir miż-żewġ għaqdiet flimkien. Dan kien pass ċar ta’ rieda tajba u kompromess min-naħa tagħna.
Għalhekk, huwa ta’ dispjaċir li fl-istqarrija maħruġa mill-Banda Vittorja ntqal li din, it-tielet deċiżjoni, “issa jistennew li tiġi rispettata minn kulħadd”, meta huwa fatt li żewġ deċiżjonijiet oħra preċedenti lanqas biss ġew rikonoxxuti jew aċċettati mill-istess naħa.
Da parti tagħna, se nkomplu naħdmu sabiex il-festa tiġi ċċelebrata bl-aktar mod xieraq, bid-dinjità u bir-rispett li jixirqilha. Fl-istess ħin, ma nistgħux naċċettaw li jinħolqu narrattivi li jkabbru l-firda minflok l-għaqda, jew li jippruvaw iċajpru l-fatti kif seħħew.
Is-Soċjetà Mużikali Peace se tibqa’ timxi b’serjetà, b’responsabbiltà u fl-aħjar interess tal-festa ta’ Marija Bambina u tal-komunità Naxxarija kollha.
Aktar aġġornamenti jingħataw fil-ħin opportun.
30/04/2026