Ftehim mal-MTA għal Investiment f'Palazzo Vittoria

Soċjeta Mużikali Peace A.D. 1862 - Naxxar

Nhar il-Ħamis 9 ta' Diċembru, s-Soċjetà tagħna daħlet fi ftehim mal-Malta Tourism Authority sabiex inkomplu ninvestu f’Palazzo Vittoria - Naxxar, sabiex tassew ikun ċentru turistiku u spazju t’opportunitajiet għal kulħadd. Dan seta’ jsir wara diversi xhur ta’ ħidma sabiex noħolqu strateġija sostenibbli li tħalli impatt pożittiv fuq il-Belt tan-Naxxar.

Ta’ dan nirringrazzjaw lill-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo, kif ukoll lill-Uffiċjali tal-MTA li emmnu fil-proġett mill-bidu net. Dan ħa jservi ta’ proġett pilota għall-irħula u bliet oħra f’Malta u Għawdex.

Waqt l-iffirmar tal-ftehim, il-President tas-Soċjeta', s-Sur Edward Azzopardi enfasizza fuq dawn il-punti:

Il-każin: ‘Palazzo Vittoria’, li kien ir-residenza tal-Familja Nobbli Bugeja, sede tal-Banda Peace sa mill-1917, u propjetà tas-Soċjetà mill-1962.

1.    L-għan tal-Kumitat hu li jippreserva din il-binja storika, biex jagħmilha attrazzjoni aċċessibbli għan-nies tal-lokal u għat-turisti. Fl-1 ta’ Mejju ta’ din is-sena, tnieda bl-appoġġ tal-Onorevoli Ministru Clayton Bartolo, kunċett ġdid fejn sar rebranding ta’ ‘Palazzo Vittoria’ bħala post ta’ min iżur u ċentru ta’ opportunitajiet għal artisti lokali, laqgħat, konferenzi w avvenimenti differenti.

2.    Madankollu, bħala għaqda volontarja, dan mhux dejjem jista' jsir faċilment, l-aktar minħabba nuqqas ta' fondi. Mingħajr l-appoġġ kontinwu mill-gvern u diversi entitajiet li jemmnu fil-ħidma volontarja u l-viżjoni tagħna, ikun impossibbli jew ferm aktar diffiċli li nwettqu dawn l-għanijiet. Permezz ta’ dan il-ftehim ħa nkunu qed ninvestu fis-sede kollha tagħna: investiment fejn ħa nżidu l-aċċess għall-wirt tagħna għal kulħadd, b’mod speċjali mil-lat turistiku.

3.    Fil-kappella, li għadha fl-istat oriġinali tagħha, jinsab artal portabbli mżejjen bi tliet pitturi tal-artist ċelebri Franċiż Antoine de Favray li ġew restawrati fl-2018. L-esperti jqisuh bħala eżempju fin u rari tas-sengħa antika tal-għamara Maltija fi stil tipiku Barokk tal-aħħar tas-seklu tmintax. Hawn ħa ssir installazzjoni ta' dawl adegwat biex jinħoloq l-aqwa viżwal u protezzjoni għall-esibiti. Ħa ssir ukoll pjattaforma għall-artal biex jitqiegħed fuqu, għal skop ta’ wiri aktar attraenti u protezzjoni għall-artifatti.

4.    Kunċett uniku ieħor fost il-każini tal-banda hu s-Sala tal-Mużew. F’dan il-post jinżammu artifatti, dokumenti, ritratti antiki, u memorabilia mill-passat rikk tal-Każin u n-Naxxar. Infakkar li s-sena d-dieħla ħa nkunu qed niċċelebraw il-160 sena mit-twaqqif tal-Banda tagħna. L-għan tagħna u li nirrestawraw l-akbar għadd ta’ ritratti u dokumenti, noħolqu sitt imwejjed ġodda (iżgħar minn dawk preżenti) isiru pjattaformi ġodda għal spazju unifikat u organizzat aħjar, installazzjoni ta’ dawl professjonali ġdid, u jsiru captions kemm tradizzjonali, kif ukoll bl-użu tal-aqwa teknoloġija moderna (eż. QR codes) biex tintlaħaq udjenza usa’ u l-viżitatur ikollu l-aqwa esperjenza possibbli.

5.    Fil-kamra tal-Arkivju mbagħad irridu nkomplu nieħdu ħsieb l-aktar ħaġa għażiża fil-Każin tagħna: l-arkivju mużikali. Hawnhekk jinżammu l-eqdem manuskritti li jmorru lura għall-ewwel snin tal-banda tagħna, uħud minnhom ta’ kompożituri mill-aktar importanti Maltin. Hawn il-viżitatur ħa jifhem aħjar il-wirt mużikali ta’ aktar minn seklu u nofs ta’ storja.

6.    Inawgurata fl-2006, is-sala prinċipali tal-Każin tkopri kważi 130 metru kwadru, u wieħed mill-aktar spazji attraenti. Matul is-sena jsiru regolarment kunċerti, konferenzi, u avvenimenti differenti. Nemmnu li għandna l-potenzjal kollu meħtieġ għall-investiment ħalli nattiraw aktar nies biex japprezzaw dan il-post għall-mertu artistiku tiegħu u bħala post għal diversi funzjonijiet. Għalhekk jeħtieġ li jkollna għodda moderna u professjonali ħalli nutilizzaw dan l-ispazju bl-aqwa mod possibbli u nidħlu f’niċeċ turistiċi ġodda u differenti.

7.    L-akbar Sala fil-każin, li tkopri madwar 160 metru kwadru, hi prattikament spazju mhux utilizzat għall-potenzjal sħiħ tiegħu. Hija l-intenzjoni tagħna li niżviluppaw u nisfruttaw din iż-żona biex tiġi mgħammra għall-wirjiet, provi, studio għar-rekording, klassijiet għal-lezzjonijiet tal-mużika u board room li jkunu aċċessibbli u utilizzati mhux mill-bandisti tagħna biss imma minn għad ta’ persuni w artisti ta’ firxa wiesa’ ta’ kapaċitajiet. Għal dan il-għan ħa jitfasslu l-pjanti meħtieġa u teknikalitajiet biex nibdew l-ewwel fażi ta’ dan il-proġett ambizzjuż u ta’ kwalità.

8.    Sinjuri hawn qed naspiraw li noħolqu esperjenza professjonali w unika għal dawk kollha li jżuru ‘Palazzo Vittoria’. U dan grazzi lill-Ministru Clayton Bartolo u għal dan il-ftehim mal-Malta Tourism Authority, din il-viżjoni ħa ssir realtà. Grazzi talli emmintu fina. Jien u sħabi fis-Soċjetà Mużikali Peace inwiegħdu li ħa nsarrfu din il-fiduċja bl-aqwa mod possibbli, fi proġett li minnu ħa jgawdi kulħadd.

Grazzi mill-ġdid u nieħu l-opportunità biex nawgura lilkom ilkoll u l-għeżież tagħkom il-Milied u s-Sena t-tajba.

 

Xandira Diretta (On-Demand)

L-aħħar aġġornament sar nhar: Is-Sibt, 11 ta’ Diċembru 2021


Aħbarijiet Riċenti

Kalendarju tax-Xahar

  • April 2024
    ĦadTneTliErbĦamĠimSib
    31123456
    78910111213
    14151617181920
    21222324252627
    2829301234
    567891011

Mill-Arkivji

Ħajr lil

Segwijna fuq Facebook

Segwijna fuq Spotify