Għeżież Soċji, Qegħdin fi żminijiet tassew diffiċli u qed jiġi mitlub minna biex nagħmlu sagrifiċċji mhux żgħar. Biex titwaqqaf din il-marda tal-COVID-19, li f’bosta pajjiżi diġà ħalliet ħafna vittmi, il-gvern ħa diversi miżuri li lilna bħala każin tal-banda, laqtuna direttament. Mhux biss ma nistgħux niltaqgħu flimkien fil-Każin kif mdorrijin nagħmlu ta’ kuljum, imma twaqqfu t-tagħlim tal-mużika u l-kunċerti, ġiet imħassra kemm-il attività, inkluż dawk tal-Ġimgħa Mqaddsa u l-Irxoxt, u issa anke l-Festi. Din hija daqqa ta’ ħarta għalina d-dilettanti għax ma nistgħux niċċelebraw Festa kbira lil Marija Bambina kif għandu jkun. Kellna wkoll infakkru l-25 anniversarju tal-Kummissjoni Żgħażagħ u l-200 sena mit-twelid tal-President Fundatur Vincenzo Bugeja.