Messaġġ mill-President tas-Soċjeta' fuq is-sitwazzjoni tal-COVID-19

Soċjeta Mużikali Peace A.D. 1862 - Naxxar

Għeżież Soċji,

Qegħdin fi żminijiet tassew diffiċli u qed jiġi mitlub minna biex nagħmlu sagrifiċċji mhux żgħar. Biex titwaqqaf din il-marda tal-COVID-19, li f’bosta pajjiżi diġà ħalliet ħafna vittmi, il-gvern ħa diversi miżuri li lilna bħala każin tal-banda, laqtuna direttament. Mhux biss ma nistgħux niltaqgħu flimkien fil-Każin kif mdorrijin nagħmlu ta’ kuljum, imma twaqqfu t-tagħlim tal-mużika u l-kunċerti, ġiet imħassra kemm-il attività, inkluż dawk tal-Ġimgħa Mqaddsa u l-Irxoxt, u issa anke l-Festi. Din hija daqqa ta’ ħarta għalina d-dilettanti għax ma nistgħux niċċelebraw Festa kbira lil Marija Bambina kif għandu jkun. Kellna wkoll infakkru l-25 anniversarju tal-Kummissjoni Żgħażagħ u l-200 sena mit-twelid tal-President Fundatur Vincenzo Bugeja.

Imma dan kollu għad jgħaddi u nerġgħu lura għal ħajja normali tagħna. Taħt il-patroċinju ta’ Marija Bambina, is-Soċjetà Peace għexet żewġ gwerer, irvellijiet, mard u kull xorta ta’ diffikultà. Jekk Alla jrid, ngħaddu din ukoll.

Ħbieb ma naqtgħux qalbna. Inħallu f’idejn Marija, mhux l-istatwa, sabiħa kemm hi sabiħa, imma dik l-Omm Rebbieħa li qatt ma tieqaf tieħu ħsiebna. Iżda jeħtieġ li nagħmlu wkoll il-parti tagħna u noqgħodu għal dak kollu li jitolbu minna l-awtoritajiet tas-saħħa. Komplu ħudu ħsieb tagħkom infuskom u ta’ xulxin. Umbagħad jerġa jasal il-waqt li nagħmlu Festa. Jerġa jasal il-Jum għażiż tat-8 ta’ Settembru fejn niċċelebraw flimkien Vittorja oħra.

Għal darb’oħra, Marija Bambina, Malta tagħna hi f’idejk.

 

Tislijiet,

Edward Azzopardi

President

PEACE BAND CLUB

Naxxar

L-Innu Popolari ta' Marija Bambina - Naxxar - 'O Tfajla Mmakulata'

L-aħħar aġġornament sar nhar: L-Erbgħa, 25 ta’ Marzu 2020