Nhar it-Tlieta, 1 ta’ Settembru 2026, is-Soċjetà Mużikali Peace organizzat ir-Riċeviment Annwali fil-Pjazza, attività li matulha s-Soċjetà kellha l-pjaċir tilqa’ lill-membri, bandisti, soċji, benefatturi u mistiedna tagħha.
Din is-serata kienet ukoll okkażjoni speċjali li fiha ġie inawgurat monument artistiku kommemorattiv ġdid ġewwa s-sede tas-Soċjetà, Palazzo Vittoria, xogħol l-artist u rħammar Naxxari Abraham Bellia.
Għal din l-okkażjoni, is-Soċjetà kellha l-unur tilqa’ lill-iSpeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti, l-Onor. Carmelo Abela, li mexxa l-inawgurazzjoni tal-monument.
Preżenti wkoll kien hemm il-Mons. Dr Edgar Vella, Kuratur tal-Mużew tal-Katidral tal-Imdina, li waqt din l-okkażjoni għamel diskors dwar is-sinifikat u l-valur artistiku u kommemorattiv tal-monument.
Ir-Riċeviment Annwali serva wkoll bħala mument ta’ ringrazzjament u apprezzament lejn dawk kollha li, permezz tal-ħidma, l-appoġġ u l-ġenerożità tagħhom, ikomplu jikkontribwixxu għall-ħajja u l-ħidma tas-Soċjetà Mużikali Peace.