Nhar it-Tnejn, 7 ta’ Settembru 2026, fil-qalba ta’ Pjazza Vittorja fin-Naxxar, is-Soċjetà Mużikali Peace tellgħet il-Kunċert Mużikali ta' Lejliet il-Festa, fuq il-planċier artistiku u maestuż tas-Soċjetà.
Il-kunċert, li beda fid-9:30 p.m., kien serata mużikali ta’ livell għoli li fiha l-Banda Peace offriet programm varjat u emozzjonanti, b’għadd ta’ mumenti speċjali li komplew jagħtu tifsira lil din l-edizzjoni storika.
Din is-sena l-kunċert kien immarkat minn żewġ anniversarji importanti għas-Soċjetà u għan-Naxxar: it-300 sena mill-wasla tal-istatwa titulari ta’ Marija Bambina fost in-Naxxarin (1726–2026), kif ukoll il-35 sena anniversarju ta’ Mro. Lino Pirotta fit-tmexxija tal-Ewwel Banda Naxxarija.
Matul is-serata ngħata ġieħ lil Mro. Lino Pirotta għad-direzzjoni tiegħu tul dawn il-35 sena, b’ċelebrazzjoni ta’ karriera twila ddedikata lill-mużika u lis-Soċjetà. F’okkażjoni oħra memorabbli, ġiet ukoll inawgurata l-bandālora artistika l-ġdida waqt l-eżekuzzjoni ta’ Purissima Bambina, kompożizzjoni ta’ Mro. Lino Pirotta.
Il-programm inkluda wkoll eżekuzzjoni ta’ mużika fuq arranġament tal-Assistent Surmast Michael Pirotta, kif ukoll il-parteċipazzjoni tat-tenuri Jake Cauchi u Vincent Farrugia, li taw il-kontribut tagħhom waqt il-kunċert.
Il-mistiedna speċjali tas-serata kienet il-kantanta Naxxarija magħrufa Mary Spiteri, li tat prestazzjoni mill-isbaħ quddiem il-pubbliku preżenti, u kompliet tagħti karattru speċjali lil din is-serata mużikali.
Matul il-lejla ġie ppreżentat ukoll l-unur ta’ Bandist tas-Sena 2026 lill-mużiċist Mattia Muscat, bandist u student eżemplari fl-iskola mużikali tas-Soċjetà, fejn idoqq it-trumbetta (magħrufa wkoll bħala l-kurunetta). Dan l-unur kien rikonoxximent tal-impenn, id-dedikazzjoni u l-progress tiegħu fil-qasam mużikali.
Il-kunċert ġie ppreżentat mill-preżentatur Naxxari s-sur Tonio Vella u serva bħala waħda mill-aktar serati sinifikanti fil-programm tal-Festa 2026, hekk kif is-Soċjetà Mużikali Peace kompliet tiċċelebra 300 sena ta’ devozzjoni lejn Marija Bambina u 35 sena ta’ tmexxija mużikali minn Mro. Lino Pirotta.
Din il-gallerija ta' ritratti tiġbor fiha wħud mill-isbaħ mumenti ta’ din is-serata memorabbli.